Ħafna pajjiżi jikkonsidraw xi ħejjeġ bħala ‘extra commerċium’, jiġifieri ‘barra mill-kummerċ.’ Dawn huma oġġetti li minħabba n-natura tagħhom ma jistgħux jinbiegħu jew l’anqas jistgħu jiġu b’xi mod ieħor trasferiti lil ħaddiehor. Il-liġi ċivili tagħna wkoll, bħa kategorija iżda soċjetajiet differenti ta’ żminijiet differenti jagħtu tweġibiet diversi.
Per eżempju għalkemm il-bniedem stess hu illum extra commerċium, kien hemm żmien meta xi wħud minna kienu jiġu ikkunsidrati oġġetti u għalhekk stajna liberament nispiċċaw fis-suq bħal xi siġġu, jew gwardarobba. Qed nirreferi ghaż-żmien tas-skjavitu`. Fid-dritt Ruman l-iskjavi kienu jiġu klassifikati taħt il-liġi tal-oġġetti u mhux tal-persuni. M’għandniex għalfejn immorru ‘l bogħod minn xtutna għax f’Malta stess sa l-1798 kien għad hawn skjavi.
Illum il-ġurnata kieku kelli ngħid lil xi ħadd li l-art hi jew għandha tkun extra commerċium, malajr jieħduni biex jeżaminawli moħħi. Iżda f’ċerti soċjetajiet nomadi, jiġifieri popli li ma għandhomx darhom f’post fiss iżda jimxu minn post għal ieħor, l-art ma tinbiegħħx. Fil-fatt dawn in-nies l-anqas ma jistgħu jifhmu kif tista’ tbiegħ.
Eżempju ċar kienu l-indjani ta’ l-Amerika, jew kif insejħulhom Red Indians. Għalihom l-art kienet sagra. Ħadd ma jista’ jgħid li għandu mqar roqgħa art tiegħu għax l-art hi ta l-ispirti tan-natura. Fiha jkomplu jgħixu u jimxu l-mejtin tat-tribu` u l-allat. . L-art hi mqaddsa u għalhekk ma tistax tinxtara.
Illum naraw dan kollu bħal ħaġa stramba u naħsbu li l-art hi tagħna b’xi dritt sagrosant. Naħsbu li għax nistgħu nixtruha nistgħu nagħmlu biha x’irridu. Nistgħu nagħarquha, nħalluha tmut…għax tagħna.
Kemm aħna fqar! Kemm aħna żgħar! In-natura ma tista` tkun skjava ta’ ħadd. Nistgħu noqtluha iżda qatt ma nistgħu naħkmuha. Meta trid, in-natura tqum u tkissirna. Ir-riħ ivenven jaqla’ l-ħitan, ix-xita tgħarraq villaġġ, l-art tiċċaqlaq u tinqasam u tibla` lil min jaħseb li hu ġgant. U aħna nħarsu mitlufa u nuru l-kuntratt tax-xiri biex infakkru li dik lart hi tagħna!
Meta ser nitgħallmu li dak li nikkonsidraw tagħna hu biss ir-responsabilita` tagħna li nużawħ tajjeb! Meta ser nitgħallmu li l-ispirtu tas-siġra li naħarqu, l-għasfur li noqtlu, il-wied li nsoddu, il-ħajt tas-sejjieħ li ngarrfu u il-mogħdija li nħaffru xi darba jqumu kontra tagħna fil-vuċi ta’ uliedna jew ulied uliedna!
Forsi aħna wkoll bħal l-indjani, u meta mmutu l-ispirti tagħna jfittxu medda ta` art bi ħxejjex u fjuri għal mistrieħ. U jekk ma nsibu xejn, l-irwiefen iqumu, u l-art tiċċaqlaq biex in-natura terġa’ tagħmel tagħha dak li ahna ħsibna li hu tagħna.