Ma niftakarx jekk qatt ktibtx fuq kappella ċkejkna fil-kampanja fejn kont ngħaddi siegħat u ġranet sħaħ. Forsi qed nirrepeti ruħi iżda bl-eta tiegħi li qed tiżdied b’temp mgħaġġel, ir-ripetziijoni issir normali.
F’nofs il-kampanja hemm kappella ċkejkna li fi żmien żogħżiti kienet maqtugħa għaliha. Illum hemm il-bini viċin li qatlilha dak is-sens qaddis li jagħti il-kwiet u s-solitarju.
Kont naqbad ir-rota u nitlaq għal dik il-kappella kmieni fil-għodu, mgħobbi b’kotba, karti u xi pinna. Hemm kont nistudja. Niftakar kont wasalt għall-eżamijiet tal O levels, A levels u l-matrikola li kont għamilt kollha f’daqqa. Kont nibqa’ hemm sakemm tinżel ix-xemx. Waħdi u le. Kulltant kien jgħaddi xi ħadd sejjer jew gej mix-xogħol fl-egħlieqi. U jien kont ngħaddi ftit minuti nitkellem u nitgħallem fuq kif in-natura hi essenzjali għal bniedem. U xi kultant kienu jagħtuni xi frott, jew xi tazza ħalib u kont nitrejjaq sew.
Nistqar li anki ktibt ittri ta’ l-imħabba lil xi wħud biex jibgħatuhom lit-tfajliet tagħhom fl-Awstralja. Xi wħud saansitra iżżewġu. Kont inħawrilhom l-ittra mhux ħażin. Kont qisni Cyrano de Bergerac għalkemm imnieħri ma kienx twil daqs tiegħu.
Imbagħad waħdi hemmhekk kont inħażżeż l-ewwel poeżiji tiegħi bil-Malti jew bit-Taljan Dak iż-żmien niftakar kont miġnun wara Ungaretti. U hemm kont nistaqsi lil nnifsi mistoqsija wara l-oħra. Kont iebes miegħi innifsi għax ridt niskopri min jien tassew. U dak li skoprejt dak iż-żmien għadu validu għalija sall-lum. U kulltant għadni nistaqsi l-istess mistoqsija biex nara nbdiltx. Nistqarr li għadni kif kont f’ħafna ħwejjeġ.
Hemmhekk kont inħares ġewwa l-kappella min tieqa ċkejkna. Kienet miżmuma sew. U kont ngħid xi kelma jew tnejn lil dak il-kurċifiss magħmul mingħajr arti speċjali iżda b’ħafna mħabba. U kont naħseb…naħseb ħafna. Kont għadni żagħżugħ u għalhekk kelli aktar żmien biex naħseb. U hemm kont nibki. Ma nistħix ngħid li kont nibki għax ċerti memorji kienu u għadhom sa llum jgħafsuli qalbi bħal mewt ta’ ħija John li miet b’traġedja ta’ eta ta’ għaxar snin.
U kont inħażżeż ħsibijiet fuq karti ċkejkna u naħbihom ġewwa kotba biex forsi nerġa niskoprihom wara s-snin bħal xi messaġġ fi flixkun jivvjaġġa mal mewġ. U llum xi kultant niftaħ ktieb u nsib dawn il-messaġġi li jien kont nibgħat lili nnifsi. Illum naqraħom b’ċerta tgħafis ta’ qalb. Għadda ħafna żmien. Iżda nerġa nqiegħdhom f’posthom bit-tama li xi ħadd warajja xi darba jiftaħ dak il-ktieb u jgħix imqar għal ftit sekondi il-ħsibijiet tiegħi.
Illum wara tant snin nibqa ngħix dawk il-mumenti fuq dak iz-zuntier ta’ kappella fqjra fil-kampanja. Ninduna kemm kienet tassew l-ewwel universita` ta’ ħajti.