Fil-librerija tiegħi għandi eluf ta’ kotba. Ġieli noqgħod bil-qiegħda u nitpaxxa nħares lejhom. Għax għalija l-ktieb fiħ għaxqa anki tħares lejħ. Min iħobb il-kotba bħali jifhem x’qed ngħid.
Aktar ma nħares lejhom aktar nintebaħ kemm jien żghir. Tant kittieba u tant suġġetti differenti. U jien iħossni mitluf bħal kieku qed inħares lejn kwiekeb fi-sema. Ġieli naqbad xi ktieb biex naqra passaġġ u nerġa mmur lura fil-memorji. Nerġa niftakar dak il-kontenut. Ġieli pero` jħossni qed naqra l-ġdid; inkun insejtu ghax il-memorja ġieli tmajna mhux ħazin.
Kien hemm żmien meta l-ktieb kien ikkunsidrat l-għadu tal-memorja.Il-bniedem kien juri l-kapaċitajiet tiegħu kemm kien jiftakar bl-amment. Kien jiftakar daqs kotba sħaħ bl-amment. Tant kienet miżmuma fl-għoli l-arti tal-memorja li saħansitra kien kemm alla tal-memorja – Mnemonisme. Il-ktieb kien ser ifarrak dan kollu għax ma jkunx hemm għalfejn tiftakar. Il-kontenut hu maħżun fil-ktieb u ma jintilifx. Fl-istorja dejjem issib min jibża mill-ġdid.
Kull ktieb niftħu bl-akbar umilta`. Jekk tibda taqra b’arja ta’ suppervja, ma titgħallem qatt. Niftaħ qalbi u moħħi għal kontenut u nħossni nġawdi minn għerf ħaddieħor. Ma jfissirx li naqbel ma kull ma naqra. Imma meta ma naqbilx inżomm quddiem għajnejja li jien għadni dudu u għalhekk ngħid li għandi ngħid bl-akbar rispett.
Għax il-ktieb jurik kemm int ċkejken. Minn għalik tkun taf xi ħaġa imbagħad taqra xi ktieb li jġegħlek tinduna kemm għad fadallek taqdef. U hawn tidħol is-suppervja. Hawn min jibqa’ jżomm l-argumenti tiegħu minkejja li kitba ġdida tkun għelbitu. Ma jkunx hemm id-disposiżżjoni li wieħed jammetti li kien fi żball, speċjalment jekk dak li jkun ħareg bil-ġdid ikun żaghżugh u mhux magħruf.
Kemm rajnieha din-is-suppervja. Kien hemm żmien meta l-bniedem kien jemmen li ix-xemx iddur madwar id-dinja u u mhux vici versa. U min kellu l-kuraġġ jgħid kontra kien jiġi mżebblaħ u mħedded b’ħajtu wara torturi.
Il-moħħ supperv jemmen li dak li jaf hu biss hi l-verita`. Li ħadd m’għandu d-dritt jasħseb differenti. Anzi jekk jagħmel hekk għandu jinqered.
L-għerf li ma jinġabarx b’umilta` jispicca jeqirdek jew iżebilħek.
U jien inkompli nħares lejn dawk il-kotba maħbubin tiegħi b’għożża għax għalmuni ċ-ċokon ta’ moħħi, il-faqar tal-fantażija tiegħi u l-mili kbar li għad fadalli nimxi biex almenu nibda...iva nibda nifhem.