Niftakar li meta kont żgħir ma stajtx nifhem x'inhu l-preżent. Għalija kien kollox passat jew futur. Infatti billi l-ħin ma jieqaf qatt, kull mument isir passat immedjatament. Kont nistħajjilni qed nipprova naqbad farfett u ngħajjat "Issa" biex inwaqqaf iż-żmein u naqbdu u nara l-preżent. Iżda hekk kif ngħid dik il-kelma jkun ġia` għadda dak il-mument u jkun sar passat. Kont insir nervuż u dan l-imbierek preżent għadni sallum ma nistax nifhem x’hinu.
Niftakar kelli xi għaxar snin meta tgħallimt għall ewwel darba xi ħaġa fuq l-atomi u mollekoli. Kont inħares lejn il-baħar u nikkonċentra mill viċin fuq parti ċkejkna u nimmaġina l-mollekola taħbat ma' oħra u tistaħba u tizfen. U kont nistaqsi lili nnifi: Min jaf fejn ser tispiċċa dik il-mollekola? Fi Sqallija? Tibqa' hawn? Tiżvinta bix-xemx? U jekk tiżvinta, fejn tmur u x'ser isir minnha? Terġa ssir ilma xi darba u mbagħad fejn tinzel? F'xi pajjiz imbiegħed?
Niftakarni nħares lejn weraq mejtin fil-ħamrija tal-ġnien tagħna u nara kemm idumu ma jsiru trab u jsiru parti mill-ħamrija li terġa' twelled aktar weraq ġodda. Niftakarni nimmaġina n-natura bħal ċirku kbir li jdur u jdur u kif ikun ser jittiekel dan iċ-ċirku jerġa' jwelleld lilu nnifsu mill-ġdid.
Niftakarni żagħugħ fuq iz-zuntier ta' kappella ċkejkna f'nofs il-kampanja. Hemmhekk kont ngħaddi siegħat sħaħ waħdi, naħseb, nikteb u niskopri min jien. U kont nistaqsi jekk jien kontx l-istess bniedem li kont il-bieraħ. Jekk dak li għaddejt minnu l-jum ta' qabel kienx biddilni fi bniedem ieħor.
Niftakar il-logħob tat-tajr. Konna żghar u nagħmlu t-tajra tagħna bil-karti kuluriti. Kienu kbar u b'saħħithom u kienu jitligħu fil-għoli. Niftakar, aktar ma nħoll mir-rukkell aktar it-tajra ittir 'l fuq. U jien kont naħseb li forsi xi anġlu hemm fuq kien jieħu pjaċir jara t-tajra tiegħi ittir.
Niftakar meta smajt l-ewwel dawgħa bil-Madonna. Tkexkixt. Bżajt nerġa' nismagħha tidwi f'widnejja.. Niftakarni nħares lejn l-istatwa tal-Madonna li kellna fil-kamra tas-sodda u ngħidilha li forsi dak ir-raġel kien qed jitkellem fuq xi ħaddiehor, mhux fuqha.
Illum li għaddew tant snin, nipprova nerġa ngħix dak li niftakar. U ħafna drabi nintebaħ li ma tantx kbirt u ma tantx inbdilt minkejja li jidher mod ieħor. Il-beżgħat u l-ħsibijiet tiegħi ta' llum ħafna drabi għandhom l-għeruq tagħħom f'dak iż-żmien imbiegħed ta' ħajti.
U għadni nipprova naqbad il-preżent.
Għadni nsegwi l-mollekola.
Għadni nfittex min jien.